Pinuri, ħaxxem, xenxul, boqqiegħa, mejdina u smontor. Kollha huma kliem li jgħiduh l-Għawdxin, imma l-Maltin ma jafuhx jew qatt ma semgħu bih, filfatt f’pajjiżna insibu ħafna kliem u djaletti li ż-żewg gżejjer ma jaqsmuhx.
Vassalli fl-1796 kiteb hekk dwar id-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis, li kien Għawdxi: “Jiena u nqalleb il-kitba li ħalla b’idejh is-Sur Kanonku Agius fil-Biblijoteka pubblika ta’ Malta bl-isem Damma sibt xi ftit mijiet ta’ kliem li ma kontx naf bihom, u li qatt ma kont smajthom qabel f’Malta”.
Fost id-djaletti Maltin u Għawdxin insibu varjazzjoni lessikali jiġifieri kliem differenti għall-istess oġġett jew għemil. L-aktar djalett evidenti hu żgur id-djalett Għawdxi. Ġol-gżira t'Għawdex kważi kulħadd jitkellem bid-djalett, u ħafna drabi d-djalett ikun l-ewwel lingwa tagħhom. F’Malta, mill-banda l-oħra, mhux kulħadd jitkellem bid-djalett; xi Maltin jitkellmu bl-Istandard biss, oħrajn jitkellmu bl-Istandard u bid-djalett, u xi ftit jitkellmu bid-djalett biss.
Din hija lista ta’ kliem kif jingħad bl-Għawdxi u kif jingħad bil-Malti:
Bl-Għawdxi - Bil-Malti - Tifsira (Meaning)
Għawdix - Għawdex - (Gozo)
Smontor - Fidda - (Silver Foil)
Fettul - Biskuttel - (Biscuit)
Bankonċin - Biskuttin tal-Lewz - (Almond Biscuit)
Werqa ta’ Dindja - Pal tal-Bajtar - (Pricly-pear Leaf)
Mejdina - Tavolina - (Small Table)
Nemusiera - Xibka tan-Nemus - (Mosquito Net)
Mejt - Sturdament - (Dizziness)
Pinuri - Pilloli - (Pills)
Mitraħ - Saqqu - (Mattress)
Regħex - Staħa - (He Was Shy)
Ċombini - Labar tal-Inxir - (Clothes Pegs)
Gejxa - Band tax-Xagħar - (Hair Band)
Ħafsa - Ponta - (Pimple)
Pastizz tal-Ġobon - Pastizz tal-Irkotta - (Cheese Cake)
Perċa - Ħabel tal-Inxir - (Clothes Line)
Xenxul - Għanqud - (Bunch Of)
Ħajm - Fsied - (Spoil Someone)
Mandra - Bitħa - (Yard)
Tadam - Tuffieh - (Apples)
Kaħla - Tbengila - (Bruise)
Qaqocc - Marqaccaw - (Arthicokes)
Xenxel - Gebbed - (Streched)
Skritt - Pitazz - (Copybook)
Nafad - Lahlah - (Rinsed)
Forfra - Brija - (Dandruff)
Brika jew Bruka - (Lighter)
Ċuplajs - Siġar tal-Bajtar - (Prickly-pear Tree)
Boxxla - Antiporta - (An inner door prevalent in Maltese homes)
Dawn huma xi kliem Għawdxin oħrajn u kif jintużaw ġo sentenzi:
Trampi (Kummiedji jew bużullotti)
Kemm konna naqtgħu trampi meta konna għadna zgħar.
Għakruxu (Il-Bebbux tal-art)
Kemm timxi bilmod, qisek għakruxu.
Ħaxxem (Għalaq)
Ħaxxem subajh mal-kexxun.
Moxt (Petne)
Imxatt xagħri bil-moxt.
Borża (Pakkett)
Xtrajt borża twistees.
Buqqiegħa (Boċċa / Bużżieqa)
Telgħetli buqqiegħa f'sieqi.
Purtiera tal-Qasab (Ħasira)
Għandi bżonn nixtri purtiera tal-qasab ghas-salott.
Bokkla (Klippa tax-Xagħar)
Xtrajt bokkla ġdida għal xagħri.
Id-djalett tal-Gżira ta’ Għawdex ftit li xejn huwa xort’oħra minn dak tal-irħula ta’ Malta fejn għandu x’jaqsam it-tlissin, iżda fejn jidħol il-kliem għandu xi wħud li huma tiegħu biss u li f’Malta jew mhumiex magħrufin jew magħrufin biss f’xi nħawi tal-Punent. Id-djalett huwa ferm importanti. Filwaqt li jagħti identita’ lil dak li jkun, għandna lkoll napprezzawh għaliex kull belt ikolla d-djalett uniku tagħha. Ladarba nsibu dawn id-differenzi fil-pronunzja, fil-grammatika u fil-vokabolarju, nistgħu bla tlaqliq ngħidu li, minkejja ċ-ċokon tagħhom, ħafna bliet u rħula Maltin u Għawdxin għandhom djalett partikolari li jagħżilhom mill-bqija.
Leave your comment about
KLIEM GĦAWDXI